Q: X’inhuma l-obbligi wara li tiġi rreġistrata koperattiva?
A: Skont l-Artiklu 64 tal-Att, meta tiġi rreġistrata koperattiva, hija meħtieġa li torganizza l-ewwel Laqgħa Ġenerali tal-membri tagħha fi żmien sitt xhur mid-data tar-reġistrazzjoni. L-aġenda tal-ewwel laqgħa għandha tinkludi l-elezzjoni tal-uffiċjali li se jservu sal-ewwel Laqgħa Ġenerali Annwali (AGM).
Il-koperattiva hija meħtieġa tinforma lill-Bord tal-Kooperattivi bil-miktub bid-data stabbilita għal din il-laqgħa. Id-dokumenti meħtieġa huma:
- Formola A – Kumitat ta’ Tmexxija, li trid tkun mimlija kif suppost u iffirmata bl-idejn (wet ink) wara li jiġi elett il-Kumitat ta’ Tmexxija.
- Lista ta’ Attendenza tal-membri preżenti fl-ewwel Laqgħa Ġenerali, iffirmata bl-idejn (wet ink) kemm mill-President kif ukoll mis-Segretarju.
Q: Meta għandha ssir il-Laqgħa Ġenerali Annwali (AGM) wara l-għeluq tas-sena finanzjarja (31 ta’ Diċembru)?
A:Fir-rigward tal-Laqgħa Ġenerali Annwali (AGM), jekk jogħġbok irreferi għall-Artiklu 65 tal-Att. Din għandha ssir malajr kemm jista jkun, iżda mhux aktar tard minn sitt xhur wara t-tmiem ta’ kull sena finanzjarja, jiġifieri sat-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara.
Kull Koperattiva għandha jkollha d-data tal-AGM deċiża u mgħarrfa lill-membri tagħha sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara.
Q: X’inhuma id-dokumenti meħtieġa wara kull Laqgħa Ġenerali Annwali (AGM)?
A:Dokumenti meħtieġa wara l-AGM:
- Formola A uffiċjali tal-Kumitat ta’ Tmexxija, mimlija u iffirmata bl-idejn.
- Kontijiet finanzjarji awditjati sħaħ huma obbligatorji, filwaqt li jistgħu jiġu ppreżentati wkoll kontijiet fil-qosor (abridged accounts) fejn applikabbli skont ir-regolamenti. Id-dokumenti jridu jkunu iffirmati bl-idejn.
- Lista ta’ Attendenza tal-membri preżenti fl-AGM, iffirmata bl-idejn (wet ink) kemm mill-President kif ukoll mis-Segretarju.
Q: X’għandu jsir meta jkun hemm bidliet fil-Membri tal-Kumitat (eż. jekk jinbidel il-President)
A:Kwalunkwe tibdil fil-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jiġi ikkomunikat uffiċjalment bil-miktub lill-Bord tal-Kooperattivi, flimkien mas-sottomissjoni ta’ Formola A, li tirrifletti l-kompożizzjoni l-ġdida, mimlija u iffirmata bl-idejn (wet ink).
Il-koperattiva hija meħtieġa tinforma lill-MBR dwar kwalunkwe tibdil fil-Kumitat ta’ Tmexxija.
—
Nota Addizzjonali: Bidliet fil-membri tal-kumitat għandhom jiġu sottomessi wkoll lill-MBR fi żmien 14-il jum billi titlesta Formola 2. Jekk dan ma jsirx fil-ħin, jistgħu jiġu imposti multi.
—
Q: X’inhuma l-obbligi ta’ koperattiva meta jkun hemm żieda ta’ Membri Ġodda?
A:Il-koperattiva għandha tinforma lill-Bord tal-Koperattivi mill-ewwel dwar il-membru/membri l-ġodda u d-data meta ngħaqdu mal-koperattiva. Trid tiġi sottomessa wkoll kopja tal-Karta tal-Identità (quddiem u wara) awtentikat minn awditur jew avukat, iffirmata bl-idejn (wet ink).
Q: Jekk kien hemm Bidliet fl-Istatut (eż. Kapitali Azzjonarju) tal-koperattiva, x’għandu jsir wara?
A:Wara AGM (Laqgħa Ġenerali Annwali) jew EGM (Laqgħa Ġenerali Straordinarja) fejn jiġu approvati emendi fir-regoli tal-istatut, huwa meħtieġ li jiġu sottomessi d-dokumenti li ġejjin:
- Lista ta’ Attendenza: Lista tal-membri preżenti fl-AGM/EGM, iffirmata bl-idejn (wet ink) kemm mill-President kif ukoll mis-Segretarju.
- Ittra mill-Koperattiva: Ittra formali iffirmata bl-idejn (wet ink) kemm mill-President kif ukoll mis-Segretarju, li għandha tinkludi:
- Id-data, il-ħin u l-post tal-AGM/EGM.
- L-emendi speċifiċi fir-regoli li ġew diskussi għall-approvazzjoni.
- It-test preċiż tar-regola/i wara l-emenda/i.
- Ir-riżultat tal-votazzjoni li jikkonferma jekk l-emenda/i ġietx approvata.
Nota Addizzjonali: Il-Bord tal-Koperattivi jista’ jitlob aktar ċarezza jew dokumentazzjoni addizzjonali jekk ikun hemm bżonn.